jump to content jump to mainnav

Kampanja Biedja Globali

Il-kriżijiet tal-ġuħ fl-Afrika huma riżultat tal-attivitajiet tal-bniedem?

Il-biedja hija s-sinsla ta’ dawk is-soċjetajiet li huma mibnija fuq il-prinċipju tat-tqassim tax-xogħol. Fosthom hemm dik Ewropea. Il-bdiewa jkabbru l-ħxejjex u l-frott biex ibigħuhom fis-swieq. Dawn il-prodotti jew jinxtraw biex iknunu kkunsmati direttament jew biex ikunu pproċessati. Min-naħa l-oħra, ħafna mill-bdiewa ż-żgħar fl-Afrika jkabbru ħxejjex u bhejjem biex jikkunsmawhom huma stess. Ħafna minnhom ikabbru l-ikel bażiku u essenzjali tagħhom fuq biċċiet ta’ art żgħar viċin fejn joqogħdu. Il-ħxejjex u l-frott li jkabbru jikkunsmawh huma minflok ibigħuh fis-swieq. F’dawn l-aħħar ftit snin, din it-tip ta’ biedja – li tissejjaħ biedja għall-għajxien – wasslet għal għadd ta’ karestiji. Matul l-aħħar għaxar snin ħafna mir-reġjunijiet tal-Afrika intlaqtu ripetutament minn kriżijiet tal-ġuħ. Fis-sajf tal-2011, iktar minn għaxar miljun ruħ fil-Lvant tal-Afrika ma kellhomx biżżejjed x’jieklu minħabba żmien twil ta’ nixfa u anke minħabba spekulazzjoni fis-swieq ta’ prodotti bħall-ikel, metalli u l-elettriku. Fl-2008, eżatt qabel faqqet il-kriżi finanzjarja, ħafna nies diġà ma setgħux ilaħħqu mal-prezzijiet dejjem jogħlew tal-ikel.
 

Il-fatturi li kkawżaw il-kriżijiet

Dawn il-kriżijiet tal-ġuħ ripetuti li seħħew fl-Afrika kienu kkawżati minn proċessi kkumplikati daqs is-settur tal-bideja nniffsu. Hemm għadd ta’ fatturi, li ħadmu kemm fiż-żmien immedjat kif ukoll fit-tul, li żammew lill-bidwi żgħir fl-Afrika milli jkabbar biżżejjed ikel għalih u għall-komunità tiegħu. Dawn il-fatturi kienu attivi matul għexieren ta’ snin.

 

Fatturi li jaħdmu fit-tul

  • Produzzjoni baxxa kronika
  • Żieda kbira fil-popolazzjoni
  • Telf ta’ ħamrija (diġà nieqsa mis-sustanzi)
  • L-effetti tal-bidla fil-klima
  • Problemi kroniċi fit-tħaris tal-jeddijiet tal-proprjetà u l-użu tal-art (eż il-problema tal-ħtif tal-artijiet minn kumpaniji, mill-multinazzjonali u gvernijiet barranin)
  • Domanda ikbar għal frott u ħxejjex minħabba żieda fil-popolazzjoni u fil-produzzjoni tal-biofuels

 

Fatturi li jaħdmu fl-immedjat

  • Ġlied u gwerer reġjonali fit-tul
  • Prezzijiet reġjonali tal-ikel imprevedibbli u għoli tal-prezzijiet ta’ ħafna prodotti oħra
  • Nixfa u għargħar ikkawati mill-effetti tal-bidla fil-klima

F’dawn iċ-ċirkustanzi dawn il-kriżijiet tal-ikel ipoġġu fil-periklu l-ħajjiet ta’ miljuni ta’ persuni fl-Afrika. Ironikament, il-produzzjoni globali tal-ikel kibret b’rata ogħla miż-żieda fil-popolazzjoni dinjija. Ħafna nies mhux jirnexxilhom ikabbru jew jixtru biżżejjed ikel għalihom infushom, jew għax id-dħul tagħhom huwa baxx wisq inkella minħabba swieq dgħajfa u infrastruttura sottożviluppata. Dawn jispiċċaw jiddependu kważi għal kollox fuq l-għajnuna umanitarja internazzjonali għat-tqassim tal-ikel.
 

L-GĦanijiet tal-Biedja Globali

Il-kampanja Biedja Globali tħeġġeġ bidla sostenibbli fis-settur tal-biedja fl-Afrika permezz ta’ għarfien ġdid mill-fora Ewropej dwar il-biedja fl-Afrika ta’ taħt is-Saħara.
 

L-għanijiet tal-kampanja Biedja Globali huma:

  • aktar għarfien dwar il-kundizzjonijiet li jgħixu u jaħdmu fihom il-bdiewa Afrikani;
  • diskussjoni dwar il-problemi, l-isfidi u l-potenzjal tal-biedja fuq skala żgħira u attitudnijiet differenti lejn l-iżvilupp;
  • li jitwasslu perspettivi ġodda dwar il-biedja fl-Afrika lil fora ġodda – bħal bdiewa Ewropej ta’ età żgħira u r-rappreżentanti tagħhom;
  • li jinbeda u jitkompla djalogu bejn il-gruppi differenti mis-setturi rilevanti, fosthom il-biedja, ix-xjenza, il-kummerċ u l-politika, li għandu jwassal għall-iżvilupp sostenibbli tal-biedja fl-Afrika.

 
Dawn l-għanijiet se jintlaħqu permezz ta’:

  • laqgħat ta’ djalogu dwar l-innovazzjoni fil-biedja Afrikana, biedja organika u sostenibbli, mudelli ta’ organizzazzjonijiet kummerċjali agrikoli ta’ valur miżjud u agrikummerċ, il-Politika Komuni dwar l-Agrikultura (CAP), is-sigurtà tal-ikel, l-effetti tal-bidla fil-klima u oħrajn;
  • inxandru informazzjoni dwar il-biedja fl-Afrika ta’ taħt is-Saħara, ritratti, artikli fil-gazzetti, aħbarijiet u għodda edukattiva fuq is-sit elettroniku tal-kampanja
  • ktieb bil-kontribuzzjonijiet ta’ esperti agrikoli u studji dwar il-biedja fil-Kenja, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fl-Etjopja;
  • taħriġ għall-istudenti u bdiewa ta’ età żgħira.

 
Biedja Globali
hija kampanja ffinanzjata mill-Kummissjoni Ewropea u implimentata minn għaqdiet non-governattivi minn disa’ pajjiżi Ewropej.